DWAR ALEX

Alex Periċi Calascione twieled il-Belt Valletta fiż-17 ta’ Ġunju 1962. Attenda l-iskola ta’ Saint Joseph Blata l-Bajda għall-edukazzjoni primarja tiegħu. Għall-edukazzjoni sekondarja u Sixth Form huwa attenda l-Kulleġġ San Alwiġi. F’Novembru 1986 huwa ggradwa bħala avukat mill-Universita’ ta’ Malta. Beda jipprattika l-professjoni legali tiegħu fl-1987.

Tul il-karriera professjonali tiegħu, Alex Periċi Calascione, ħadem bħala konsulent ma’ bosta kumpaniji ewlenin kemm Maltin kif ukoll barranin. Barra minn hekk huwa ta l-kontribut tiegħu biex numru ta’ kumpaniji u għaqdiet igawdu minn fondi tal-UE għall-proġetti partikolari tagħhom. Mill-1991 sal-1996 Alex kien maħtur bħala Kummissarju tal-Ġustizzja.

Għal xi żmien huwa serva bħala wieħed mill-imseħbin ta’ EMA Advocates. Fl-2011 huwa kien wieħed mill-fundaturi ta’ PCM Legal.

Għal diversi snin Alex ħadem fil-qasam tal-volontarjat ma’ persuni b’diżabilita’. Huwa ħadem fir-Razzett tal-Ħbiberija (illum parti mill-Inspire) bejnl-1998 u 2008.

Serva bħala direttur taċ-Ċentru ta’ Studji Politiċi (AŻAD) Sussegwentement huwa ħadem bħala membru tal-ewwel Bord ta’ Amministraturi tal-AŻAD meta din twaqqfet bħala fondazzjoni.

F’Marzu tal-2013 Alex ġie elett bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, bħala Teżorier tal-Partit u bħala Membru tal-Kunsill Amministrattiv. Fl-2015 huwa reġa’ ġie elett fl-Eżekuttiv tal-PN u kkonfermat teżorier. Kemm dam teżorier Alex ħadem qatigħ biex il-finanzjament tal-partit jiġi ristritturat. Kif ukoll ħadem ħafna biex il-partit ikun l-ewwel wieħed miż-żewg partiti ewlenin biex jissottometti b’suċċess l-applikazzjoni fit-termini tal-Att tal-Finanzjament tal-Partiti.

Fl-2017 huwa reġa’ ġie elett membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN. Imbagħad fl-2019 Dr Alex ġie elett bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, kariga li baqa’ jżomm sa Lulju 2021. Kemm dam f’din il-kariga huwa mexxa ħafna ‘ l quddiem riformi sabiex il-partit ikun immodernizzat. Alex Perici Calascione għadu sal-llum membru tal-Eżekuttiv.

F’Novembru 2020 Alex ġie approvat bħala kandidat għall-elezzjoni li jmiss fuq it-8 u l-11-il distrett elettorali.

Alex iżżewweġ lil MayAnne nee’ Pisani fit-3 ta’ Mejju 1986. Huma għandhom 3 itfal:

Maria Elena (miżżewġa lil Jude Schembri), Veronica Ann u John Joseph.

Il-familja żdiedet bil-wasla taċ-ċkejkna Elizabeth f’Awissu 2021.

Lura għal-paġna ewlenija